Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli inawguraw il-proġett ta' tisbiħ u titjib infrastrutturali fi Trejqa fi Triq il-Għajn, fil-Fontana b'valur totali ta' kważi €250,000, li permezz tiegħu ż-żona ttejbet u ngħatat attenzjoni partikolari għall-immaniġġjar tal-ilma tax-xita.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “dan il-proġett huwa eżempju ċar tal-impenn tagħna li nkomplu ninvestu fi proġetti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin. Dak li beda bħala proġett ta' tisbiħ evolva f'intervent infrastrutturali importanti, li mhux biss tejjeb l-ambjent taż-żona, iżda wkoll indirizza sfidi relatati mal-immaniġġjar tal-ilma tax-xita u l-protezzjoni tar-residenti. Bis-saħħa tal-kollaborazzjoni bejn il-Ministeri u l-Kunsill Lokali, irnexxielna nwettqu x-xogħlijiet meħtieġa u niżguraw li l-investiment f'dan il-proġett iħalli benefiċċju konkret u fit-tul. Se nibqgħu naħdmu biex Għawdex ikollu infrastruttura aktar moderna, sigura u sostenibbli." Huwa sostna li b'ħidma konkreta u b'investiment kontinwu, dan il-Gvern qed ikompli jibni Għawdex aktar modern, sigur u sostenibbli, fejn il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tibqa' prijorità.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-proġett jirrifletti l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fit-titjib tal-infrastruttura fil-lokalitajiet, filwaqt li jindirizza l-isfidi u l-ħtiġijiet konkreti tar-residenti. “Aħna kommessi li nkomplu nwettqu proġetti li jmorru lil hinn mit-tisbiħ u li joffru soluzzjonijiet konkreti għall-komunitajiet tagħna. Dan il-proġett juri kif, permezz ta' ħidma koordinata bejn il-Gvern u l-Kunsilli Lokali, qed inkomplu nibnu infrastruttura aktar sigura, reżiljenti u sostenibbli, b'investiment li jħares lejn il-bżonnijiet tan-nies u l-futur tal-lokalitajiet tagħna." Hija saħqet li l-Gvern se jibqa' jagħti prijorità lil proġetti li jtejbu l-ambjent urban u jsaħħu l-infrastruttura tal-komunitajiet madwar il-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Fontana, Thomas Mizzi, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-inawgurazzjoni tal-proġett ta' riġenerazzjoni li sar possibbli grazzi għal fondi minn diversi ministeri. “Dan il-proġett mhux biss ta dehra ġdida lil dan l-isqaq, iżda indirizza wkoll sfidi infrastrutturali importanti. Sar investiment sostanzjali f'sistema ta' kanali taħt l-art sabiex l-ilma tax-xita, li qabel kien jgħaddi minn fuq wiċċ l-isqaq, issa jgħaddi minn taħt l-art, u b'hekk jitnaqqas il-periklu għar-residenti," spjega s-Sindku. Huwa kompla jgħid li l-proġett ġie mfassal biex jikkumplimenta l-karatteristiċi tradizzjonali tad-djar Maltin li jinsabu fl-inħawi, filwaqt li jitħares il-karattru storiku tal-isqaq.
Minbarra x-xogħlijiet ta' tisbiħ, il-proġett inkluda l-bini u estensjoni ta' katusi għall-ilma tax-xita; installazzjoni ta' railings; kostruzzjoni ta' turġien u turġien addizzjonali; xogħlijiet ta' żebgħa u tindif tal-ħitan.